il-gimgha l-kbira fir-rabat

6
IL-ĠIMGĦA L-KBIRA MATUL IŻ-ŻMINIJIET FIR-RABAT Peter Paul Ciantar Mingħajr dubju ta’ xejn, ir-Rabat tagħna jitfawwar fil- ġranet tal-Ġimgħa Mqaddsa… jiena narah bħal Ġerusalemm l-antika. Il- knejjes u l-kunventi tagħna huma bħal niċeċ kbar li jsawru t-toroq tal- lokal tagħna, ħafna minnhom dojoq u karatteristiċi u li jagħtu dehra ta’ xenarju mistiku reliġjuż li jgħinek tirrifletti dwar it-tbatija u l-mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu. Il-poplu Rabti jgħożż sewwa dawn il-ġranet. Xhieda ta’ dan huwa l- entużjażmu li tħoss u tara f’dawn il-ġranet tal-Ġimgħa Mqaddsa. Il- wirjiet imxerrdin mar-Rabat kollu, kunċerti ta’ mużika sagra, reċti teatrali u pageants li jiġu ppreparati għal dawn il-ġranet, flimkien mal- funzjonijiet reliġjużi li jsiru fil-knejjes u l-kunventi kollha tar-Rabat, huma xhieda qawwija li r-Rabat fil-ġranet tal-Ġimgħa Mqaddsa jsir qisu l-Mekka ewlenija tat-twemmin reliġjuż tagħna……twemmin li għandu għeruq ħawtiela li missirijietna rawmu matul is-sekli. U ngħiduha mingħajr tlaqiq ta’ xejn li r-Rabat tagħna kien dejjem minn tal-ewwel li xerred din id-devozzjoni qawwija lejn il-Passjoni u l-Qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu. L-affresk li kien jinsab fil-Katakombi tad-Dejr fir-Rabat 1

Upload: michel-bugeja

Post on 28-Mar-2016

249 views

Category:

Documents


4 download

DESCRIPTION

Diskors minn Peter Paul Ciantar

TRANSCRIPT

Page 1: Il-gimgha l-Kbira Fir-Rabat

IL-ĠIMGĦA L-KBIRA MATUL IŻ-ŻMINIJIET FIR-RABAT

Peter Paul Ciantar

Mingħajr dubju ta’ xejn, ir-Rabat tagħna jitfawwar fil-ġranet tal-Ġimgħa Mqaddsa… jiena narah bħal Ġerusalemm l-antika. Il-knejjes u l-kunventi tagħna huma bħal niċeċ kbar li jsawru t-toroq tal-lokal tagħna, ħafna minnhom dojoq u karatteristiċi u li jagħtu dehra ta’ xenarju mistiku reliġjuż li jgħinek tirrifletti dwar it-tbatija u l-mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu.

Il-poplu Rabti jgħożż sewwa dawn il-ġranet. Xhieda ta’ dan huwa l-entużjażmu li tħoss u tara f’dawn il-ġranet tal-Ġimgħa Mqaddsa. Il-wirjiet imxerrdin mar-Rabat kollu, kunċerti ta’ mużika sagra, reċti teatrali u pageants li jiġu ppreparati għal dawn il-ġranet, flimkien mal-funzjonijiet reliġjużi li jsiru fil-knejjes u l-kunventi kollha tar-Rabat, huma xhieda qawwija li r-Rabat fil-ġranet tal-Ġimgħa Mqaddsa jsir qisu l-Mekka ewlenija tat-twemmin reliġjuż tagħna……twemmin li għandu għeruq ħawtiela li missirijietna rawmu matul is-sekli. U ngħiduha mingħajr tlaqiq ta’ xejn li r-Rabat tagħna kien dejjem minn tal-ewwel li xerred din id-devozzjoni qawwija lejn il-Passjoni u l-Qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu.

L-affresk li kien jinsab fil-Katakombi tad-Dejr fir-Rabat

1

Page 2: Il-gimgha l-Kbira Fir-Rabat

Ħa nibda mill-bidu nett

L-eqdem tifkiriet li għandna li jorbtuna mal-Ġimgħa l-Kbira jmorru lura għal żmien il-perijodu Ruman. Hawn tajjeb li nsemmi li f’arzella ċkejkna li tinsab fil-Katakombi tad-Dejr, hawn fil-lokal tagħna u li kien jaħbat ’il barra mis-swar Rumani, kien hemm affresk li jirrappreżenta l-Kurċifissjoni. Qed ngħid kien hemm affresk f’din l-arzella ċkejkna fil-Katakombi tad-Dejr, għax dan l-affresk illum inqala’ u ħaduhulna u qiegħed fil-Mużew tal-Arti tal-Belt. Ħa nkompli ngħid iżjed dwar dan l-affresk biex taraw kemm verament aħna, bħala poplu Rabti, konna minn tal-ewwel poplu devot tal-Ġimgħa Mqaddsa. F’dan l-affresk li, bħalma għedna jirrappreżenta l-Kurċifissjoni, taħt is-salib naraw lid-Duluri u l-Arkanġlu Gabriel fuq naħa, u lil San Ġwann u qaddisa oħra fuq ix-xaqliba l-oħra. Għalija dan huwa xhieda tal-bidu tad-devozzjoni lejn il-Ġimgħa Mqaddsa.

Insemmu wkoll il-Katakombi ta’ Sant’Agata hawn fir-Rabat fejn instabu minquxa bosta slaleb bħalma nstabu wkoll f’għadd ta’ katakombi oħra. Naturalment, la semmejna l-katakombi, insemmu wkoll id-diversi sejbiet ta’ diversi msiebaħ, ħafna minnhom li għandhom salib fuqhom. Dan kollu wkoll juri kemm ir-Rabat kien minn ta’ quddiem fit-tixrid tat-twemmin tagħna lejn il-Ġimgħa l-Kbira.

Rabta oħra mal-Ġimgħa l-Kbira taż-żmien medjevali u li wkoll tintrabat mal-lokal tagħna hawn fir-Rabat huma dawk iċ-ċangaturi d-daqs ta’ maduma li jinstabu fil-faċċata medjevali tal-Knisja ta’ Sant’Agata. Fuq dawn iċ-ċangaturi (biex ngħidulhom hekk) hemm minquxa għadd ta’ kurċifissi. Bħal dawn hemm ukoll aktar fil-Mużew ta’ Sant’Agata. Dawn żgur li kienu għotjiet votivi, għotjiet li jixhdu li fl-imgħoddi l-kult lejn Kristu Msallab kien wieħed kbir u qawwi wkoll hawn fir-Rabat.

Ħa nsemmi paġna oħra interessanti mill-istorja ta’ pajjiżna u taraw x’għeruq ħawtiela għandu l-poplu tagħna lejn il-Ġimgħa Mqaddsa. Jingħad li meta l-Konti Ruġġieru ġie Malta fis-sena 1090, xi wħud mill-abitanti x’aktarx li kienu ta’ nisel Biżantin. Jingħad li dawn marru jilqgħuh bis-slaleb tal-injam, friegħi taż-żebbuġ u tal-palm u bl-għajjat ta’ Kyrie Eleison. Huma marru jilqgħu ’l-ħellies tagħhom bħalma l-Lhud u l-Appostli kienu laqgħu lil Kristu f’Ħadd il-Palm.

2

Page 3: Il-gimgha l-Kbira Fir-Rabat

Ħadd il-PalmHawn ta’ min isemmi li sabiex titfakkar din il-ġrajja, fl-imgħoddi, il-Kapitlu tal-Katidral tal-Imdina kien joħroġ ikanta l-Passju ta’ San Mattew fil-ġnien li hemm quddiem l-Imdina, u hemm kienu jħallu, marbut mas-salib Normann li hemm fil-ġnien, salib tal-palm u taż-żebbuġ li jkun tbierek f’dak il-jum stess.

Fi Żminijiet tan-NofsIl-Maltin, anke fiż-żminijiet tan-nofs, kienu jiċċelebraw il-Ġimgħa l-Kbira tassew bil-kbir, nisiltuh ukoll mill-fatt li ta’ kull sena l-Viċirè ta’ Sqallija kien iħoss il-ħtieġa li jwissi lill-mexxejja Maltin sabiex jieħdu l-passi meħtieġa biex il-Lhud li kienu jgħixu fil-gżejjer tagħna ma jingħatawx fastidju matul iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira; anzi li l-awtoritajiet kellhom jipproteġu lil-Lhud, sabiex dawn ma jiġux imdejqa mill-Maltin fil-jum tal-Ġimgħa l-Kbira. Fir-Rabat kellna Lhud li kienu jiġu ffastidjati fil-ġurnata tal-Ġimgħa l-Kbira… iżda ngħiduha kif inhi, dan kien minħabba s-sentimenti ferventi u qawwija li kien jiġma’ l-poplu tagħna f’dawn il-ġranet tal-Ġimgħa Mqaddsa.

U issa ngħaddu għad-drawwa l-kbira tal-Purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira f’pajjizna. U kulħadd jaf li aktarx li l-eqdem purċissjoni f’pajjiżna hija dik li toħroġ ukoll mil-lokal tagħna. Hawn fir-Rabat, mill-Knisja ta’ Ġieżu, u li, bħalma tafu, din il-purċissjoni tieħu ħsiebha l-Arċikonfraternità ta’ San Ġużepp. Fost l-istatwi sbieħ u antiki li tgawdi din il-purċissjoni tal-Ġimgħa Mqaddsa fir-Rabat nsemmi waħda biss - dik Tal-Marbut….

Il-Marbut

3

Il-Marbut fil-Knisja ta' Ġieżu r-Rabat

Is-Salib Normann li hemm fil-ġnien ta' quddiem l-Imdina

Page 4: Il-gimgha l-Kbira Fir-Rabat

Għaliex ser insemmi l-Marbut biss? Għall-fatt li din hija l-istatwa l-aktar antika. Hija statwa kollha tal-injam u mhux hekk biss, iżda hija statwa li influwenzat lil diversi artisti u skulturi biex jagħmlu statwi oħra tal-Marbut li jixbhu lil din l-istatwa li nsibu fir-Rabat. Din l-istatwa tal-Marbut hija ta’ artist Sqalli u hija tas-seklu 16. Qed ngħid dan biex nuri wkoll li kienu l-Isqallin li influwenzawna għal ċerti drawwiet, fosthom din tal-purċissjoni li aktarx li fir-Rabat tagħna bdiet qabel daħlu l-Patrijiet Franġiskani Minuri, jiġifieri dawk ta’ Santa Marija ta’ Ġesù jew kif nafuhom aktar bħala Ta’ Ġieżu.

Tajjeb ukoll li hawn ngħidu li dawn il-Patrijiet ta’ Ġieżu, minħabba r-rabta kbira li minn dejjem kellhom mal-Art Imqaddsa, ġabu magħhom hawn fir-Rabat (peress li kien l-ewwel kunvent tagħhom f’pajjizna) diversi devozzjonijiet oħra tal-Ġimgħa Mqaddsa, fosthom id-devozzjoni tal-Vija Sagra li wara, mil-lokal tagħna, xterdet ma’ Malta kollha.

Il-Liżar ta’ KristuPaġna oħra importanti fir-Rabat marbuta mal-Passjoni ta’ Ġesù u li b’dispjaċir ngħid li ma tantx aħna konxji tagħha. Qed nirreferi għal-liżar ta’ Kristu. Fil-Mużew tal-Parroċċa, il-Mużew Wignacourt, insibu kopja tal-famuż Liżar ta’ Kristu li hemm f’Turin. Anzi aktar minn hekk, din hija meqjusa bħala relikwa għax dan il-liżar li hemm f’Wignacourt miss mal-liżar ta’ Kristu li hemm f’Turin, ħaġa li mhix faċli biex issir. Dan il-liżar inkiseb minn Francisco Lucas Bueno, Isqof ta’ Malta u Gran Prijur tal-Ordni fl-1650. L-Arċisqof ta’ Turin stess, Michael Beyamus, iċċertifika li dan il-Liżar (nirrepeti li llum qiegħed fil-Mużew Wignacourt) huwa awtentiku u dan kien fl-1663. Ftit snin wara, dan l-istess liżar wasal fostna fir-Rabat. Ħafna jistaqsu kif wasal fostna? It-tweġiba mhix daqstant sempliċi. Jiena ngħid li wasal fostna għal żewġ raġunijiet: minħabba li r-Rabat dejjem kellu rabta mal-Grotta u l-Kavallieri, u r-raġuni l-oħra hija li fir-Rabat dejjem kien hawn twemmin kbir lejn dak kollu li huwa marbut mad-devozzjoni tal-Ġimgħa Mqaddsa.

Il-KurċifissĦaġa oħra imprezzabbli marbuta ma’ dan il-kunvent ta’ Ġieżu, u li b’xorti ħażina ftit li xejn napprezzaw, hija l-Kurċifiss tal-Injam, kurċifiss medjevali, li jinsab f’dan il-kunvent. Ġibidli l-attenzjoni tiegħu l-ħabib tiegħi Joe Sultana meta huwa għamel studju tajjeb ħafna dwaru. Tajjeb li hawn wieħed isemmi li dan il-kurcifiss

4

Il-kurcifiss medjavali li jinsab fil-kunvent ta ' Gieżu r- Rabat

Page 5: Il-gimgha l-Kbira Fir-Rabat

huwa wieħed mill-eqdem kurċifissi fi gżiritna, jekk mhux l-eqdem wieħed ….għax il-kurċifiss li kienu ġabu magħhom il-Kavallieri ta’ San Ġwann minn Rodi kien inħaraq. Għalhekk dan huwa kurċifiss importanti fl-istorja Kristjana tagħna. Fil-fatt, l-istoriku Ġan Franġisk Abela jsemmi kif dan il-kurċifiss tal-injam imur lura għall-1517 meta mill-flus li kien baqa’ mill-bini tal-kunvent u l-knisja Santa Marija ta’ Ġesù, Giacomo Hakim xtara dan il-kurċifiss minn Noto fi Sqallija.

Għalhekk nistgħu ngħidu mingħajr tlaqliq ta’ xejn li r-Rabat kellu sehem importanti fit-tixrid tad-devozzjoni lejn il-Passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu. Naturalment id-diversi kunventi li hawn fil-lokal tagħna xprunaw jew aħjar kienu minn ta’ quddiem li xerrdu u kabbru aktar id-devozzjoni lejn dawn il-ġranet sbieħ u speċjali tal-Ġimgħa l-Kbira f’Malta tagħna.

Naturalment il-lokal tagħna r-Rabat, minbarra dan it-twemmin, drawwiet u tradizzjonijiet religjużi, sawwar ukoll diversi drawwiet oħra, fosthom dawk ta’ ikel u ħelu, li llum intrabtu sewwa u ntgħaġnu bis-sħiħ mad-drawwiet tal-Ġimgħa Mqaddsa f’pajjiżna.

Bdejt billi semmejt li r-Rabat, l-aktar din il-parti l-antika tiegħu, tfakkarni f’Ġerusalemm l-antika, fejn Sidna Ġesù Kristu terraq mat-toroq tagħha, jippriedka, jagħmel il-mirakli u jgħallem, u li mill-istess toroq għadda bis-salib mgħobbi fuq spallejh sa ma wasal fuq il-Għolja tal-Golgota fejn sallbuh bejn żewġ ħallelin.

Emmnuni, il-knisja ta’ Ġieżu fir-Rabat, hawn imdawra b’dawn il-vari sbieħ tal-Ġimgħa Mqaddsa, ifakkruni mhux biss f’Ġerusalemm l-antika, iżda l-qofol tagħha u tat-twemmin tagħna: IL-GOLGOTA. Jiena naf li ħafna minnkom hawn preżenti marru l-Art Imqaddsa, għax il-Patrijiet Franġiskani Minuri ta’ din il-knisja huma l-istess patrijiet tal-Art Imqaddsa. Xħin titilgħu fuq il-Golgota u tpoġġu jdejkom fl-istess ħofra fejn tpoġġa s-salib ta’ Kristu, wara tinżlu bil-mod minn din l-Għolja Mqaddsa u tmorru viċin ħafna l-post, jew aħjar il-qabar, fejn indifen l-Imgħallem tagħna u minn dan l-istess post irxoxta glorjuż.

Hekk l-istess inħossu f’dan it-tempju f’dawn il-ġranet sbieħ tas-sena, wara li nkunu ħarisna lejn il-vara l-kbira u wara d-Duluri, immorru fis-Santwarju ta’ San Ġużepp, li fil-ġranet tal-Ġimgħa Mqaddsa jinbidel għal wieħed mill-isbaħ sepulkri f’pajjizna - u hemm naraw il-qabar ta’ Kristu ħaj u rebbieħ fuq il-mewt.

5

Page 6: Il-gimgha l-Kbira Fir-Rabat

Dan huwa r-Rabat tagħna fil-Ġimgħa l-Kbira - Ġerusalemm l-antika, li beda d-diversi drawwiet tal-Ġimgħa Mqaddsa f’pajjiżna.

Dan id-diskors inqara mill-awtur Peter Paul Ciantar is-sena l- oħra (2011) fil-Knisja ta’ Ġieżu waqt it-tifkira ta’ Ħadd il-Palm

6